05 January 2013

MEMORABILJA a Maltese poem

 

MEMORABILJA

 
Fi tfuliti
u mal-bidu ta’ żgħożiti
kont noqgħod fi Sqaq Sabella
ġewwa Birkirkara
marsus
bejn il-mewt u l-ħajja...
Max-xellug
Wenzu
tal-karrijiet tal-mejtin.
U mal-lemin,
(mill-bitħa tagħna
fis-skiet
konna nisimgħuh
it-tħannin
tal-ispiritiera),
tliet aħwa xjuħ, sinċiera,
li kienu jqumu
jaħmu
kuljum kmieni filgħodu
l-ostji tat-tqarbin.

Ħajja u mewt...
 
Wara li ħriġt mid-djuq ta’ dak l-isqaq
għall-ftuħ ta’ toroq barra barranin iserrpu
mingħajr ma jaslu mkien,
jien
xorta bqajt
għomri kollu
nitlajja
bejn il-mewt u l-ħajja.
 
JOE SALIBA
10.12.2011