ŻEWĠ POEŻIJI OĦRA
DLAM ĊAPPA
Meta kont tfal, niftakar, ibeżżgħuni
li kienu ġejja tlett ijiem dlam ċappa
madwar id-dinja kollha illi fihom
ix-xemx tinħeba u ma tidhirx. Werwruni!
U l-oħra: li x-xitan seta’ jaqbadni
u jġorrni f’tebqa t’għajn minn post għal ieħor.
Dal-biża’ kien kaġun ta’ xnigħat fiergħa
l’għallmuni l-katakisti u s-saċerdoti.
’Mma t-tlett ijiem ma ġewx u fejn kont bqajt...
sakemm ferħan minn dal-gideb inqtajt.
L-GĦARUS TIEGĦI
Kieku kont ngħix fi żmien l-Inkwiżizzjoni
kont nisfa vittma tat-twemmin li nħaddan.
Twemmini, bħal maltemp ġo moħħ ħaddieħor,
’mma f’qalbi qabda ġawhar illi l-ħnieżer
jibqgħu jirrifjutaw u jirfsu fuqhom.
Lix-Xemx jagħtuha daharhom u ħlief dellhom
quddiemhom ma jarawx...flok dawl l-imsiebaħ
b’messaġġ il-Verità li t-triq tmexxihom
għal żwieġi mal-Għarus li qed nistenna...
Hemmhekk l-Inkwiżitur jiftaħ l-Inkjesta...
No comments:
Post a Comment