23 October 2009

GANNI SAPIANO-LANZON


GIOVANNI SAPIANO-LANZON
(1858 -- 1918)
IL-POEZIJA POPOLARI
TAS-SEKLU DSATAX

Fl-istorja tal-letteratura Maltija tad-dsatax il-seklu l-poezija popolari kienet imfittxa hafna. Dawk li kienu jiktbuha kienu ta' spiss responsabbli ghall-pubblikazzjonijiet taghhom u kienu johorgu l-versi u t-tqabbil taghhom f'xi ktejjeb ta' sittax-il pagna, jew f''xi fuljett jew gurnal ta' dak iz-zmien, bhal nghidu ahna Il-Habbar Malti u In-Nahla Maltija. Kien hemm numru sabih ta' kittieba, imma ftit huma li baqghu jissemmew.
Numru sabih minnhom kienu aktar maghrufa ghat-tqabbil milli ghall-poezija akkademika. Mill-ahjar kienu xi poeti tajba bhal Gananton Vassallo, Dwardu Cachia, u Guzè Muscat-Azzopardi. Mal-poeti nsibu wkoll il-versifikaturi, il-qabbiela li, b'versi hfief kienu jiktbu ballati, kurunelli, innijiet religjuzi u fatti u rakkonti minn xi stejjer Maltin jew Taljani. Fil-versi ta' dawn il-kittieba, ghalkemm nieqsa mill-irqim u mimlija sentimentalità, naraw hafna oqsma tat-tigrib ta' kuljum, bhall-imhabba u xi cajta jew taghlima.
Wiehed minn dawn il-qabbiela popolari kien Giovanni Sapiano-Lanzon (1858-1918). Kien poeta, editur, tradittur u stampatur imfittex. Ghandi tnax mill-kotba tieghu li kien johrog regolarment, u naturalment bl-ortografija ta' zmienu. Dak li ser nikkwota mill-versi tieghu ser ingibu bl-ortografija tal-lum. Dawn huma xi ismijiet tal-pubblikazzjonijiet tieghu: Taqbil Malti, Il-Kitarra Skurdata - Jew - Gabra ta' Ghana Amorus, Il-Fraxketta - Fatt Poezija u Il-Habib tal-Ghannej - Jew - Gabra ta' Ghana Malti. Ma ninsewx li dax-xoghlijiet hargu daqs mitt sena ilu.
Wahda mill-ghanjiet favoriti tieghi hi din li gejja, fejn bi kliem drammatiku, dirett u spontanju, deskrizzjoni naturali tas-sentimenti tal-mahbubin, u b'gheluq mhux mistenni, Sapiano-Lanzon jaghtina gost naqrawh illum, kif bla dubju ta' xejn, ferrah lil dawk li semghuh seklu ilu. Ghaddew erba' generazzjonijiet u ma tbiddel xejn...imhabba, namur, u relazzjonijiet personali, bil-ferh u n-niket li jgibu maghhom…

BURRAXKA KBIRA

X'qieghda nilmah? L-ajru msahhab!
Dan kif tqalleb it-temp f'daqqa?
Xita qliel, sajjetti tfaqqa'
Wahda f'wahda; hwejjeg kbar!
Miskin hu min lahaq hareg
U jinsab boghod mid-dar.

Is-silg niezel, u x'kull wahda!
Daqs gellewza tista' tghid.
Jien ma nafx, ma nafx inghid
X'qieghda nhoss fuqi dal-hin:
Ghax Toninu l-mahbub tieghi
M'hemmx li jigi, x'wahda din!

O li kien ma jdumx, jahasra!
Dak il-gojja tal-qalb tieghi.
Dan il-wahx jekk hu jkun mieghi
Malajr kieku kien imur:
Ma kontx nibqa' izjed bezghana;
Hu jderrili kien zgur.

Oqghod: qieghda fil-bghid nilmah
Zaghzugh gej imghaggel lejja;
Jekk jaraw tajjeb ghajnejja
Hadd m'hu hlief Toninu tieghi.
Iva, hu. Jien qalbi qaltli
Li ma jdumx ma jkun hawn mieghi.

Ara, x'jigri! Kif sar xraba!
Kos, miskin, gie biex jarani!
Skenn xi mkien, Nin, biex fi hdani
Xraba toqtor ma tigix.
Ghalfejn hi dil-ghagla kollha?
Jaqaw hsibt li ma ssibnix?

X'qieghda nilmah, destin kiefer!
Mishut l'hu kif tqarraq bija.
Dak mhux Ninu, dak Mallia,
Sid id-dar li 'l hawnhekk gej.
Ghandu jiehu tliet xhur kera;
Imma jien ma ghandix mnej!!

Barra mir-rakkonti ta' xi disgrazzja, poeziji ta' mhabba, sunetti lil hbiebu, tqabbil fuq iz-zwieg, ghanjiet fuq in-natura, tifhir u pariri lil dawk li kien jaf, osservazzjonijiet fuq ix-xebbiet, il-moda ta' dak iz-zmien u l-brikkunati tan-nisa u tal-irgiel, Sapiano-Lanzon jghidilna li kien dejjem lest biex jiehu l-pariri ta' haddiehor, jekk dawn ikunu ta' siwi ghalih. Hafna mit-tghajjir u l-insulti jidher li qed jaghmilhom biex jiccajta, mhux biex joffendi, kif dejjem ghamlu l-ghannejja, anke ta’ zmienna.
Ghazilt dawn l-istornelli mill-kotba tieghu u s-suggett, ghal darb’ohra, hu l-imhabba.

STORNELLI

Fjur tar-rummien!
Inti tlaqtni, mort qbadt iehor;
X'kont tghid kieku tlaqtek jien?

Fjur tal-pitravi!
Morru ghand Nina, ghidulha, jiena
Qed fis-sodda nghodd it-travi.

Fjur tal-bellus!
Halli nghanni ghax ferhana,
Ghamilt paci mal-gharus!

Fjur tal-buzbiez!
Billi 'l hadd ma sibt min riedni,
Kelli mmur nidhol man-nies.

Fjur tar-rancis!
Kxift ma' min qieghda tinnamra,
U jien nafu: bahri Ingliz!

Fjur tal-bzar!
Ta' hmistax jien bdejt ninnamra,
Ta' hmistax sofrejt l-imrar.

Fjur tan-naghnigh!
Fost il-fjuri l-fjur ta' mhabbti
Nara jien l-iktar sabih.

Nittama li hadtu pjacir taqraw mieghi dawn il-ftit versi helwin ta' kittieb li hadem kif seta' mal-ohrajn ahjar minnu biex l-ilsien Malti jibqa' haj. Ganni Sapiano-Lanzon miet fl-1918, imma xoghlu ghadu maghna, kif nittamaw li jibqa' lsienna f'dal-kontinent tal-Awstralja mitt sena ohra u izjed.

JOE SALIBA
Nota: id-disinn fuq huwa xoghol habiba tieghi minn New Zealand maghrufa bhala Wiki.

No comments:

Post a Comment