ĠIMGĦA L-ISPTAR
Dak ta’ quddiemi - l-Grieg - fetaħ l-arkivji
tal-mard li kellu f’ħajtu mal-iżbalji
tat-tobba (kif qal hu) li ħallewh mgħaxxex,
b’sidru ssukkat u mġebbed bħat-takkalji.
L-armla ta’ ħdejja tkellmet fuq żgħożitha
mikula sħiħ bid-drogi u l-infezzjoni
li ġabitha l-isptar tliet ġimgħat ilu...
Qaltilna wkoll x’tħobb taqra...X’konfużjoni!
In-ners hi u tindokrana ngħaqdet magħna
għax ratna interessati lkoll w attenti;
hi qalet tagħha u stqarret l-esperjenzi
li kellha ġo kull sptar qalb il-pazjenti.
U magħhom jiena wkoll nhewden imnikket...
għax għalija...
L-għanqud tal-għeneb nixef
u d-dielja bdiet titbiel;
kull ilsien ilma mtajjar
daħal f’qoxortu u miel.
Minn ras l-għoljiet sal-wita
ħġejjeġ kbar ta’ nirien
qabdu u tferrxu f’daqqa...
bħal vampa kullimkien.
It-tfal fil-bitħa twerwru
maħkuma minn ċiklun
li ġie fuqhom bħal barri
w għamel kollox deffun.
L-għorrief waqgħu bħal borra
f’livell tan-nies tat-triq,
u nbidlu f’ħaġa waħda,
ballun mogħti bis-sieq.
M’għandniex għalfejn niftiehmu
għax l’ għedna ġie fix-xejn,
tabakk maħruq ġo jdejna,
kesħa fuq ix-xofftejn.
Bejn sema w art ninsabu
fuq baħar wiesgħa u griż,
nixxennqu għal kulma tlifna
li kien maħbub w għażiż.
Jew ġewwa sqaq inkunu
nistaqsu l-għala u l-kif,
meta, sa fejn...Il-mirja
għandhom bżonn it-tindif!
L-għasfur fuq spallti nħasad
kif kanta għax waqa’ s-skiet
madwaru waqt li l-ġwienaħ
tfarfrulu u sar irmied.
Barrejna ’l dak ta’ ġewwa
u eżiljajna l-qrib,
ħraqnielu kulma kiteb.
MINN FOMMI DAT-TIKRIB.
X’jien ngħid, noħlom u nhewden,
imnikket hekk kif jien?!
Jeħtieġli nqum fuq tiegħi
u ma nibqax ħosbien.
Għalhekk...
Biex nibdel das-suġġett fid-diskursata
jien qbadt temi ta’ ferħ: letteratura,
storja, filosofija, mużka w arti,
sa ma żerżaqt kelmtejn fuq l-Iskrittura.
Issa dieħel il-lejl...biex forsi f’ħolma,
b’għajnejna għajjiena b’ġebel inviżibbli,
inqattgħu l-almanakk ta’ futur kiefer
u floku t-tama ta’ fejqan tanġibbli.
JOE SALIBA
19.1.2013
RESPIRATORY UNIT, AUSTIN HOSPITAL,
HEIDELBERG, VICTORIA
JOE SALIBA READS HIS OWN POEMS... AND OTHER ACTIVITIES
"KNOW YOUR BIBLE" FOR MALTESE READERS
MY KORNUKOPJA WEBSITE
17 March 2013
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment