GĦAJJEJT NAĦSEB
Għajjejt naħseb, għajjejt nikteb,
għax b’kull kelma li ttajpjajt
moħħi ttaqqal, qalbi ngħasret,
ma nafx kif, bla ma ndunajt.
Ma tfajtx l-ankri ’mma bqajt naqdef
lejn dak kollu l’hu ta’ ġieħ,
safi, jseddaq, veru u lanqas
ma jinbidel ma’ kull riħ.
Fuq tapit Persjan fi ħsiebi
tirt fuq dinja ta’ ġmiel kbir...
ibħra, msaġar, bliet u rħula.
Għadni nħossu dat-tferfir!
Ridt nitkixxef, nifhem kollox,
kif jitwieled kangarù
kif min-naħal jiġi l-għasel,
kulma ġara, kulma hu.
Qallibt moħħi nifli l-kotba
biex nitgħallem x’qatt kien hemm
li jagħmilna dak li aħna...
xbihat t’Alla u nies tad-demm.
Billi l-ġrajja ta’ dinjitna,
għalkemm timxi b’pass meqjus,
tirrepeti ruħha u minnha
ma tgħallmux, jaħasra, l-ġnus,
sibt kull gwerra tħalli wrajha
iż-żerriegħa għal aktar ġlied
fil-futur, għira u mibegħda...
bħal f’tal-Għeden frott qerried.
Mela, aktarx, il-ħwejjeġ koroh
li semmejt u mhux kitbieti
li filġuni matul ħajti...
għax jien faraġ sibt f’għanjieti.
JOE SALIBA
25.2.2012
INVELL
Il-ħajja timla u tofrogħ
u qatt ma tibqa’ nvell,
daqqa titfagħna fl-għoli,
kultant fl-irmied u d-dell.
Jiġu l-anniversarji
tas-snin...niċċelebraw
l-età bil-kejk u x-xema’,
u waqt li niskantaw
l’ għaddiet sena oħra, ngergru
kemm hu bla ħniena ż-żmien
li bħal arloġġ għalina
jieqaf għax bħalna għajjien.
Tfarrakt bil-mixja twila
li mxejt u bħal vapur
ħallejt warajja tranja
ta’ hena u ta’ dulur.
’Mma bħall-ħolqien, f’ħajjitna
is-sħab iswed u tqil,
it-tlajja’ żigużajki,
l-għarar u t-temp qalil,
ukoll jieqfu u jinbidlu
u l-ajru jsir sabiħ,
it-tlajja’ jilħqu n-niżla,
u jbattu l-mewġ u r-riħ...
U tinxef l-art madwarna,
u s-sema li ftit qabel
waddbilna s-silġ u x-xita,
jonxrilna żewġ qawsalel.
JOE SALIBA
2.3.2012
No comments:
Post a Comment